|
|
|
Fdalijiet tal-Qedem |
Fl-inħawi tar-raħal kienu nstabu fdalijiet ta' żminijiet
il-qedem. Huma monumenti tal-ġrajja pre-istorika ta' dawk in-naħat
minquxa fil-ġebel.
Sies ta' Għarix
Waqt it-tfarrik tal-blat tal-wiċċ fl-ingieret sabiex jagħmlu għelieqi
għal ħdim fl-isptar tal-lebbrużi, il-ħaddiema kienu sabu ħofra tonda
madwar sitt piedi, fonda xi sitt pulzieri. F'naħa tal-blat fejn il-wiċċ
huwa aktar għoli, iċ-ċirku kellu jitkompla bil-ġebel. Nofs iċ-ċirku
kellu lewn aħmar skur li sar bin-nar.
Aktarx li dan huwa sies ta' għarix, iżda ma nstab xejn ta' siwi u lanqas
fuħħar fil-qrib.
Fdal Neolitiku
Fl-1924, f'għalqa magħrufa bħala it-Tumbata instab xi fdal megalitiku u
kien maħsub li dan seta' kien ta' xi bini neolitiku. Sir Temi Zammit qal
li fit-Tumbata fiż-żmien kien hemm bini neolitiku li d-daħla tiegħu
kienet fil-majjistral ta' din l-għalqa, iżda waqt li kienu qed jaħdmu l-għalqa
ma tħalliet ebda ġebla wieqfa. Fl-għalqa kollha nstabu bċejjeċ ta'
fuħħar neolitiku.
Oqbra ta' Żmien il-Bronż
Filwaqt li f'Settembru 1959, żewġ ħofriet f'għalqa f'tal-Mejtin li ġew
meħuda bħala żewġ ġwiebi vojta kienu qed jiġu mnaddfa, instab għadd ta'
għadam qalb il- mazkan.
L-awtoritajiet tal-Mużew marru fuq il-lok iżda nstab li dak kien kollu
għadam ta' l-annimali u ta' ebda siwi arkeoloġiku. Minn qalb it-trab li
ġie mtella' mill-qiegħ, ġew imtellgħin ukoll qabda fuħħar ta' Żmien
il-Bronż. L-ispiera ġiet imnaddfa kollha u tfaċċaw tliet ġarar kważi
sħaħ mimlijin tista' tgħid b'għaxra oħra. Mill-eskavazzjoni ħarġu għadd
ta' oqbra li ġew datati madwar is-Seklu 1,400 Q.K. Wieħed mill-oqbra
jidher li ġie mnaddaf fi żmien ir-Rumani għall-użu tagħhom. It-tieni
wieħed ma kienx mimsus u hekk ġie misjub fih fuħħar interessani ħafna ta'
dik l-epoka.
Oqbra Oħra
Fit-28 ta' Mejju, 1955, l-Air Ministry rrapporta lill-Mużew li
fil-mitjar instab qabar imħaffer fil-blat. Minħabba li kien jidher li
ġie mbagħbas ħafna snin qabel, ma ttieħed ebda fdal arkeoloġiku minnu.
Matul Settembru, 1959, instab għadam f'żewġ oqbra oħra f'għelieqi
quddiem iċ-ċimiterju tar-raħal. It-tħammil li sar wara kixef żewġ oqbra
fost tnax oħra li kienu għamluhom ġwiebi.
Dolmen
Fl-1914, fil-wied fond fil-punent ta' Ħal Farruġ, kien instab dolmen
f'għamla ta' niċċa. Żewġ xorok kbar kienu jgħattu qatgħa kbira fil-blat,
u d-daħla kienet dejqa billi min fassalhom kien qiegħed żewġ blokki ta'
ġebel fuq kull ġenb. In-niċċa hija mħaffra hekk fl-għoli li kellu
jinqata' taraġ fil-blat sabiex wieħed ikun jista' jilħaq. Milli jidher
dan l-irdum kien xi lok ta' ħtieġa fi żmien pre-istoriku, għaliex fih
jidhru għadd ta' għeliem ta' attivita' umana bħalma huma ħofor nofs tond,
għerien artifiċjali u trinek fondi.
Fin-naħa magħruf bħala Bur Grad jew Ta' Gernek, kienet instabet ġiebja
li ġiet miflija f'Novembru 1914. Din mhix kbira wisq, iżda mibnija daqs
waħda kbira. Hija meqjusa bħala ċisterna qadima.
Qabar Feniċju
Fl-1892 kien instab qabar Feniċju taħt l-għolja ta' l-Ingieret fit-telgħa
ta' Ħal Luqa aktarx lejn l-Isptar. Dan il-qabar, li hu ta' familja, wara
beda jintuża mill-Insara u ġie esplorat b'diffikulta kbira billi l-lok
kien miksi bil-ħamrija u l-materjal.
Fdalijiet Rumani
Fit-28 ta' Marzu,1939, matul l-ippjanar tal-mitjar, wara li neħħew għata
ta' ħamrija, daqs żewġ piedi fond, tfaċċa l-blat. Maqtugħ fil-blat kien
hemm trinka, twila ħames piedi, pied u erba' pulzieri wiesgħa u erba'
piedi fonda.
Minn din il-ħofra nstabet qolla u skudella tat-terrakotta. Ma nstab ebda
għadam uman jew ta' l-annimali.
Barra dan, erba' oqbra maqtugħin fil-blat misjubin ħdejn il-mitjar ta'
Ħal Luqa fis-26 ta' April, 1955, minn xi ħaddiema li kienu mqabbdin fuq
xogħol ta' ppjanar tat-triq, ġew irrappurtati lill-Awtoritajiet
tal-Mużew mill-Air Ministry Directorate of Works.
Dawn l-oqbra maqtugħin fil-blat kienu miġmugħin f'wesgħa ta' madwar
tletin jarda tul b'sebgħa u għoxrin oħra wiesa'. L-oqbra kollha ġew
misruqa mill-għamara funerarja tagħhom żmien twil ilu, u kemm l-ispiera
u ċ-ċella mtlew bil-materjal.
Fihom instabu bosta oġġetti tal-fuħħar, fdal ta' skeletri umani, u biex
jindika li huma oqbra Rumani kien hemm musbieħ Ruman.
|
|
|
|