Il-lingwistika
hija x-xjenza tal-lingwa jew aħjar l-analiżi u l-istħarriġ xjentifiku
ta’ l-ilsien minn żewġ perspettivi. L-ewwel aspett hu dak sinkroniku
jiġifieri kif il-lingwa hi wżata fil-preżent filwaqt li t-tieni aspett
hu dak dijakroniku jiġifieri kif il-lingwa żvilluppat mal-medda
taż-żmien.
Il-lingwa
hija xi ħaġa ħajja u dejjem tinbidel u tadatta ruħha skond iż-żmien.
B’dan il-kliem ma nistgħux neskludu l-fatt li l-bażi tal-lingwa tibqa’
dejjem l-Għarbi, u l-binjiet ta’ fuq din it-Taljan/ Sqalli u l-Ingliż.
L-ilsien Malti Standard huwa l-ilsien mitkellem, miktub u mifhum
l-istess minn kulħadd. L-ingredjenti bażiċi għal dan huma t-tliet lingwi
li għadni kif semmejt. Fi kliem ieħor dawn huma is-Semitiku, ir- Rumanz
u l-Anglo-Sassonu. Il-Malti Standard huwa magħmul minn karatteristiċi
morfoloġiċi u lessikali ta’ dawn it-tliet lingwi u għalhekk qatt ma
nistgħu ngħidu li l-Malti huwa Għarbi biss, Taljan biss jew Ingliż biss
iżda taħlita sħiħa tagħhom.
Il-bniedem
li jistudja din l-istess lingwistika jissejjaħ lingwista. Għaldaqstant
xogħlu hu li jifhem aspetti tal-lingwa u għalhekk jeħtieġlu li jistudja
u janalizza xi ilsna partikolari sabiex id-deskrizzjoni tkun kemm
jista’ jkun sħiħa. Din id-deskrizzjoni trid tkun kemm jista’ jkun
oġġettiva u għalhekk twarrab kull impressjoni li diġa’ tista tkun
issawret f’moħħ il-lingwista.
Id-diversi
ħakkiema li ħakmu fuq ġensna ħallew mhux biss impatt lingwistiku iżda
wkoll kulturali. B’dan nistgħu nikkonkludu li l-islien Malti huwa mera
ta’ l-istorja Maltija. L-ilsien innifsu huwa dokument storiku ta’
l-istorja għax nistgħu ngħidu li bejn wieħed u ieħor kull ħakma li
okkupat il-ġżejjer Maltin ħalliet impatt lingwistiku fuq l-ilsien Malti.
L-għan
aħħari tal-lingwa jew l-ilsien huwa biex isseħħ komunikazzjoni.
Il-lingwa tagħtik stat ta’ ċivilta’ u għalhekk biex titgħallimha huwa
importanti li tgħixha. Barra minn dan l-ewwel għan li semmejt, insibu
l-għan ta’ l-espressjoni, gost u kif ukoll twassil tal-kliem. Għalhekk
il-lingwistika għandha n-naħa teoretika, storika u kif ukoll prattika
tagħha. Tħares mil-liema naħa tħares lejn il-lingwa Maltija din tibqa’
xi ħaġa unika tagħna l-Maltin u għaldaqstant għandna għalfejn inkunu
kburin biha u nagħtuha l-gieħ kollu mistħoqq lilha.
Awtur: Leanne Ellul |