[Josef Mario
Briffa sj, "Patri Manwel Magri u l-Ipoġew", f'Lil
Ħbiebna,
Novembru 2003, pp. 195-197. © Copyright: l-awtur, 2003.]
Mitt
sena ilu, f’Novembru ta’ l-1903, il-Kumitat tal-Mużew ippropona lill-Ġiżwita
Patri Manwel Magri biex imexxi l-iskavi ta’ l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, illum
meqjus sit ta’ Patrimonju Dinji. Xieraq li, f’din l-okkażjoni, infakkru lil
dan il-Ġiżwita. Lil Patri Magri nafuh sew għall-istudju tal-ħrejjef u
l-għerf popolari, imma x’nistgħu ngħidu dwaru bħala wieħed mill-pijunieri
fl-arkeoloġija ta’ Malta? U nafu x’kien jaħseb Magri dwar l-Ipoġew?
Għall-ewwel
jiġi li naqtgħu qalbna. Xi sena qabel miet, Magri inħatar superjur
tal-komunità ġdida tal-Ġiżwiti f’Catania. Miet ħesrem nhar il-Ġimgħa l-Kbira
(29 ta’ April) 1907 fi Sfax, it-Tuneżija, fejn kien mar jipprietka
l-Eżerċizzi tar-Randan.
In-noti
tiegħu u r-rapporti li kien qed jikteb, qatt ma nstabu. Fortunatament
għandna f’idejna diversi ittri li Patri Magri kiteb lill-Gvern, u issa wkoll
diversi ittri lill-British Museum.
Bejn l-1903
u l-1906, Magri ħadem fuq diversi siti, fosthom l-Ipoġew. Patri Magri kien
stmat ħafna f’dan il-qasam, tant li Dr Temi Zammit, fir-Rapport Annwali
tal-Mużew ta’ l-1904, jikteb hekk:
“It-tfittxija
fl-Ipoġew misjub dan l-aħħar f’Paula huwa l-ewwel xogħol li l-Kumitat
[tal-Mużew] ħa f’idejh. It-tfitxxija qed issir taħt is-superviżjoni ta’ p.
E. Magri, S.J., li l-kompetenza tiegħu hi indubitabbli, u li jagħtina
rapport sħiħ meta jintemm ix-xogħol.”
Patri
Magri u l-Arkeoloġija
L-ewwel ma
jiġina li nistaqsu huwa dwar il-preparazzjoni ta’ Magri. L-arkeoloġija bħala
studju kif nafuha llum kienet għadha fi tfulitha, u l-arkeoloġi ta’ żmienu
spiss ġew minn oqsma li għandhom rabta ma’ l-arkeoloġija: l-istudji
Klassiċi, l-Iskrittura, u x-xjenzi naturali.
Magri,
bħala Ġiżwita u saċerdot, kellu formazzjoni fil-Filosofija u t-Teoloġija.
Tajjeb inżidu li Magri, bħala Ġiżwita, għallem l-Iskrittura u l-lingwa
Lhudija fis-Seminarju t’Għawdex.
Minn dak li
laħaq ippubblika, jidher li kien mgħallem tassew f’dik li hija storja
antika, l-ilsna u kitbiet Klassiċi. U kien ukoll aġġornat dwar dak li kienu
jgħidu l-istudjużi ta’ żmienu.
Patri Magri
kien wieħed fost l-ewwel membri tal-Malta Archaeological and Scientific
Society, imwaqqfa mill-Gvernatur Grenfell fl-1900 u mit-tlettax-il taħdita
li saru minn din l-għaqda fl-ewwel tliet snin, erbgħa (inkluża dik
inawgurali) saru minnu.
Taħdita
minnhom — dwar tliet skrizzjonijiet Puniċi — ġiet ippubblikata. Minnha
jidhru ċari s-serjetà u l-kompetenza akkademika ta’ Magri: fid-dettall
tal-preżentazzjoni u l-kumment ta’ l-iskrizzjonijiet, fl-attenzjoni li biha
jiġbed il-konklużjonijiet, u fl-argumenti kontra li hu stess jippreżenta.
Fl-1903,
meta l-istess Gvernatur waqqaf il-Kumitat tal-Mużew, Magri kien maħtur
wieħed mill-membri, fost personalitajiet oħra, fosthom Dr Temi Zammit.

Pjanta tal-fdalijiet tat-Tempju fix-Xewkija
F’isem il-Kumitat
tal-Mużew, Magri mexxa (kif diġà semmejna) l-iskavi fl-Ipoġew ta’ Ħal
Saflieni. Imma dan ma kienx l-uniku proġett. F’Ottubru ta’ l-1904 mexxa t-tiftix
fejn aktarx kien hemm tempju fix-Xewkija (fejn illum hemm ir-Rotunda). U
nafu li bejn l-1905 u l-1906 studja xi sitt siti oħra f’Għawdex (fejn ma
ninsewx li kien ir-Rettur tas-Seminarju). Fost dawn is-siti wieħed f’Ta’
Ċenc (Borġ l-Imramma), il-fdalijiet f’Santa Verna, u siti oħra f’Kerċem,
iż-Żebbuġ u x-Xagħra. Dan l-aħħar sit, “struttura ellittika bejn il-knisja
l-antika ta’ Sant’Antnin u t-‘Torri tal-Ġganti’ (il-Ġgantija)”, jista’ jkun
proprju l-kumpless tax-Xagħra (Brochtorff
Circle).
Fl-1906, ġie
ppublikat Rapport dwar it-tiftix fix-Xewkija. Jidhru ċari l-attenzjoni u d-dettall
li bihom jiddeskrivi dak il-ftit li rnexxielu jsib. U ta’ studjuż ta’ għerf
popolari, għaraf jiġbor xhieda għall-fdalijiet megalitiċi li kienu ġew
meqruda tul l-aħħar snin.
Ta’ min inqisu
li Magri studja wkoll dak il-ftit fuħħar imfarrak li ġabar. Ipprova jqabblu
mal-fuħhar mill-kultura Miċeneja (Żmien il-Bronż fil-Greċja) u dak minn
Kartaġni. Bagħat
xi biċċiet ta’ fuħħar lill-British Museum, biex jagħtuh data.
Jidher li
kellu tama kbira li jqiegħdu fi stampa aktar wiesgħa ma’ dak ta’ Santa Verna
u Ħal Saflieni li kien qed jistudja.
Imma Magri
laħaq miet qabel ma’ ħareġ rapporti oħra. Jidher li dawk dwar Santa Verna u
Ħal Saflieni kien qed jaħdem fuqhom: għandna nifhmu li n-noti kienu miegħu
fi Sqallija. U jekk mill-ftit li sab fix-Xewkija kiteb d-dettalji tant
bir-reqqa, x’kellu f’moħħu dwar l-Ipoġew?
It-tiftix fl-Ipoġew
Li l-aktar sit
importanti li studja Magri huwa l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni m’hemmx dubju.
Nafu li
Magri mexxa l-istudju bejn Novembru 1903 u l-1906. Fir-Rapport Annwali
tal-Mużew ta’ l-1906 (li jġib id-data 5 ta’ Mejju) jingħad li x-xogħol ta’
tħaffir u surveying kien mitmum, u kienu qed jistennew ir-rapport. Jidher li
Magri qies ix-xogħol mitmum qabel telaq lejn Sqallija. Imma Magri miet
ħesrem, u Temi Zammit kellu jieħu f’idejh il-kitba tar-rapport, mingħajr
in-noti tant prezzjużi.

L-Ipoġew: pjanta tas-sular t’isfel u sezzjonijiet. Iġibu isem P.E.Magri
li mexxa l-iskav. (minn L. M. Ugolini, Malta origine della Civilta
Mediterranea, 1934)
[Ħajr lil Daniel Cilia għar-referenza]
Id-djar fuq l-Ipoġew
kienu laħqu nbnew qabel mas-sit ġie rrapurtat lill-Gvern. Tħaffret spiera
fonda 30 pied li kienet twassal dritt fis-salur tan-nofs. Din baqgħet l-unika
daħla sal-proġett reċenti ta’ konservazzjoni li reġa’ kixef id-daħla
oriġinali.
Mir-rapport ta’
Zammit nafu li l-ewwel tellgħu t-terrapien mixħut mill-bennejja. Wara bdew
itellgħu id-depożitu antik: ħamrija skura, umda, mimlija għadam, biċċiet ta’
fuħħar u fdalijiet oħra. Il-ħamrija kienu jtellgħuha, jħalluha tinxef u
jgħarbluha.
Jidher metodu tant
primittiv, u faċli nakkużaw lil Magri b’inkompetenza fil-mod kif mexxa.
Tajjeb li nippruvaw nifhmu il-problemi kbar li dan is-sit ippreżenta matul
l-istudju: taħt l-art, żgur li ma kinitx faċli li jkun hemm dawl biżżejjed.
U kien
hemm problema oħra bl-ilma li jiskula speċjalment matul ix-xitwa. Dawn
il-problemi wasslu biex l-Ipoġew ħa s-snin qabel ma seta’ jinfetaħ
għall-pubbliku, u kienu ukoll uġigħ ta’ ras matul il-proġett reċenti ta’
konservazzjoni.
U xi ngħidu
dwar l-istratigrafija? L-arkeoloġi llum imdorrija jistudjaw bir-reqqa
s-saffi differenti ta’ materjal biex jifhmu kif inbnew fuq xulxin, hekk li
jagħrfu dak li hu eqdem, minn dak li hu inqas qadim. Dan it-tip ta’ studju
fl-arkeoloġija diġà kien qiegħed jinbeda, imma kien bogħod mid-dettall li
bih isir illum. U trid tqis hux qed tifred saffi li huma distinti b’mod ċar
— bħalma seta’ jagħmel Temi Zammit fit-Tempju ta’ Ħal Tarxien, bejn is-saff
ta’ Żmien it-Tempji u dak ta’ Żmien il-Bronż — jew hux qed tħaffer f’ħamrija
li fiha ma jidhrux saffi partikolari, bħal fil-każ ta’ l-Ipoġew.
Ridna nistennew
sebgħin sena qabel ma studji bir-reqqa saru fuq ċimiterju simili:
il-kumpless tax-Xagħra (Brochtorff Circle), Għawdex. Il-ħidma li saret f’dan
is-sit bejn l-1987 u l-1994 jurina li Magri kellu quddiemu skavi diffiċli, u
jekk iżżid il-problemi ta’ umdità u nuqqas ta’ dawl ta’ sit taħt l-art,
nifhmu li għal żmienu Magri jidher li mexxa x-xogħol sew.
Għandna nifhmu li
Magri kien jiġbor id-dettalji bir-reqqa, u jekk hu ma setax ikun hemm matul
ix-xogħol kollu (ladarba kien ir-Rettur tas-Seminarju f’Għawdex) talab li
jkollu foreman kompetenti li kien fuq il-post, jieħu noti u jirriferilu d-dettalji.
Xi ftit kummenti mill-pinna ta’ Magri dehru fir-Rapport dwar ix-Xewkija. Hu
jirriferi għall-Ipoġew bħala “in-nekropoli kbira f’Ħas-Saflieni f’Malta”,
sit li huwa jorbot ma’ siti megalitiċi oħra — Santa Verna, il-Ġgantija u
Ħaġar Qim — minħabba l-fuħħar ta’ l-istess tip u tiżjin f’dawn is-siti,
bħalma nstab ukoll fix-Xewkija. Jidher ukoll li Magri kien jorbot Ħal
Saflieni mad-“dfin ta’ klassijiet iżjed għolja”.
U kemm kien iqishom
qodma? Magri kien għadu fost dawk li jqis it-tempji bħala bini tal-Feniċi.
Imma mill-fuħħar diġà jgħid li dat-tip kien għadu ma nstabx f’Kartaġni fejn,
skond Magri, l-iskavi kienu waslu sal-livell tad-9 seklu q.K. Iżda x’kien
jaħseb Magri dwar dan? Kien qiegħed jasal biex iqis dan l-Ipoġew u t-tempji
bħala eqdem mill-Feniċi – appuntu, preistoriċi? Jidher li le, minn dak li
kiteb. Għal Magri li ġara huwa li f’pajjiżna kienu baqgħu jaħdmu l-fuħħar fi
stili iżjed qodma, meta f’Kartaġni kienet diġà nħasset l-influwenza
barranija fl-istili. Magri jikkonkludi li
“Il-biċċiet
tal-fuħħar misjuba fil-wiċċ tat-tempju fix-Xewkija, imqabbla ma’ dawk
tas-santwarji (High Places) l-antiki oħrajn tagħna u man-nekropoli ta’
Ħas-Saflieni, juru li l-istess stil ta’ ċeramika baqa’ popolari mill-preistorja
sa’ l-era Nisranija, għallinqas f’dak li huma l-kult divin u d-dfin
tal-klassijiet iżjed għolja.”
Xi tagħrif
ġdid joħroġ ukoll minn xi korrispondenza li Magri kellu mal-British Museum.
Dawn l-ittri jkomplu juruni r-reqqa li biha Magri kien jagħmel xogħlu, u
kemm kien aġġornat, f’kuntatt ma’ l-aqwa istituzzjonijiet ta’ żmienu.
Konklużjoni
Patri Magri jibqa’
mfakkar għall-istudji tiegħu tal-ħrejjef u l-folklor. Imma sehmu fl-arkeoloġija
ta’ pajjiżna xieraq li ma jintesiex. Hu, flimkien ma’ Maltin oħra ta’ żmienu
bħal A. A. Caruana qablu, u Temi Zammit warajh, qiegħdu l-arkeoloġija ta’
pajjiżna fuq sisien sodi
|