il-Ġimgħa l-Kbira f’ Ħal Luqa.


 

 Minbarra l-festa tant għażiża tal-patrun tagħna Sant Andrija Appostlu li tigi ċċelebrata dejjem fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju ,nsibu ukoll l-festa solenni tal-Ġimgħa l-Kbira li tagħha f’ Hal Luqa hawn ħafna dilettanti.

Il-bidu tal-Ġimgħa l-Kbira f’ Ħal Luqa.

     Fil-parroċċi l-oħra tal-Gudja, Ħal Kirkop, l-Imqabba , Ħal Safi u Ħal Tarxien li lkoll ħargu mill-paroċċa ta’ Birmiftuħ , ma ssirx purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.  Il-bidu tagħha beda għall-aħħar snin tas-seklu tmintax, meta wahda mara ċertu Marija Rosa Ellul fit-testment tagħha tat-28 ta’ Mejju 1775, ħalliet dar lil ħuha Mikelanġ bil-kundizzjoni li jagħmel statwa tal-Veronika. L-istatwa tal-Veronika kellha tinżamm id-dar , u fiż-żmien tal- Ġimgħa l-Kbira kellha tittella’ l-knisja biex tintrama. Is-sett tal-vari kompla fl-1795 meta ċertu wieħed Ġużeppi Ellul fit-testment tiegħu ħalla għalqa lill-knisja parokkjali ta’ Ħal Luqa .  Ellul ried li bir-renti ta’ din l-għalqa fost obbligi oħra tibda ssir il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bil-vari tal-passjoni kull sena. Huwa maħsub li dak li baqa’ minn dawn il-vari huwa Kristu Msallab li għandna fis-sagrestija tal-Knisja parokkjali . B’hekk il-purċisjoni f’ Ħal Luqa ilha ssir madwar 232 sena.

 

Prokuraturi

   L-ewwel prokaratur li jissemma kien Dun Franġisk Cassar, li kien ġie maħtur mill-Isqof Labini fis-sena 1795.  Sas-sena 1928 il-prokura kienet f’idejn qassis ,iżda mis-sena ta’ wara ,il-prokura waqgħet f’idejn il-lajci. B’hekk sas-sena 1990, kien hawn 3 prokaraturi lajċi dawn kienu; Giacamo Cassar (1928-1933), Antonio Cassar (1934-1979) u l-aħħar prokuratur f’ Ħal Luqa kif ukoll f’ Malta kien Johnny Cassar Briffa (1980-1990) . Wara l-1990 il-prokura għaddiet f’idejn il-kapillan tal-parroċċa, flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera li jieħdu ħsieb ukoll l-armar tal-vari, l-ilbies u l-organiżżazzjoni tal-purċissjoni.

                     

 

                         Giacamo Cassar            Antonio Cassar      Johnny Cassar Briffa

                             1928-1933                      1934-1979                 1980-1990

Il-Vari

 

      L-ewwel tibdil fis-sett l-antik sar fl-1830 fejn uħud minnhom ġew irrestawrati mill-ġdid filwaqt li oħrajn saru ġodda .  Dan ix-xogħol ta’ restawr u tibdil fil-vari sar minn Ġużeppi Vella mill-Belt.   Fl-1884 inħadem il-famuż monument, dak li nafu llum. L-iskultura tiegħu saret minn Ċensu  Decandia filwaqt l-istatwarju Bormliż Karlu Darmanin ħadem l-erba’ kerubini li hemm f’kull kantuniera. Matul is-seklu  dsatax, kienet id-drawwa li l-vari jinżammu fid-djar tan-nies iżda imbgħad bdew jintrefgħu fil-maħżen tal-Knisja. Imma fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-maħżen intlaqat mill-bombi u ġġarraf , tant li l-vari ġarbu ħafna ħsarat kbar.  Fost l-aktar li ġarrab ħsara , kien il-monument li nġabar biċċiet  u kien ġie irrestawrat minn Amelio Giusti mill-Birgu , filwaqt  li l-induratura saret minn Paolina Buġeja u William Attard mir-Rabat.  Qabel ma daħal elettriku ,sal-1950 il-vari kollha kienu jinxteghlu bl-aċitelena.  Imbgħad bejn is-snin 1951 u 1952 saru l-brazzi li nafu llum forma ta’ fjamma.  Sas-sena 1972 is-sett tal-vari f’ Ħal Luqa ma kienx ta’ disgħa imma ta’ tmienja imma fl-1973 żdiedet ohra din kienet dik tat-Tradiment ta’ Ġuda , bi stil kemmxejn differenti minn ta’ vari ohra ġo parroċċi  imxerdin f’ Malta .  Peress li din il-vara tirrapreżenta lil Ġuda ħosbien bil-figura ta’ Kristu ħdejh filwaqt li fil-maġġoranza tal-vari jġibu lil Ġuda ibus lil Kristu.   Din il-vara nħadment mill-Imgħallem Rabti Ġlormu Dingli , filwaqt li tħallset mill-benefattur  is-Sur Joe Bonniċi.   Meta waslet il-vara fir-raħal ta’ Ħal Luqa iż-żewġ baned ewlenin tar-raħal  L’Unione u Sant Andrija akkumpanjaw l-vara sal- Knisja billi daqqew diversi marċi funebri.   Wara li saret din l-istatwa fl-1973 , sena wara sar xi restawr fuq il-vari kollha li ġew miżbugħa mill-ġdid minn Karmenu Psaila bi spejjeż ta’ Joe Bonniċi . Kien sar ukoll restawr fuq l-EcceHomo l-antik li kien ġie irrestawrat mir-Rabti Ġlormu Dingli.

 

 

 

 

 

 

Restawr tal-vari u vari ġodda

    Wara li kienet għaddiet b’wiċċ il-ġid il-festa tal-Ġimgħa l- Kbira tas-sena 1995, inħass il-bżonn li jinbeda programm ta’restawr fuq il-vari u anke li xi whud minnhom jigu mindula.  Kien sar rikors fil-Kurja Arciveskoli ta’ Malta fejn kien ġie spjegat li l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kienu spffrew ħafna ħsara kbira fit-tieni gwerra dinjija u wara dan ġew irranġati temporanjament.   Minn dak iż-żmien ’il hawn is-susa attakat lil xi statwi kif ukoll lil xi bradelli u bankuni.   Għal dan ix-xogħol ta’ restawr u ta’ vari ġodda  intgħażel l-artist bravu it-Tarxiniż Renzo Gauci.

     Sena wara beda r-restawr , kienu ġew irrestawrati il-kurċifiss tal-Vara l-Kbira, inbiddel ukoll is-salib ta’ l-injam  u kif ukoll l-istatwi ta’ San Ġwann u l-Madalena saru ġodda.  Fl-1997 saret l-istatwa l-ġdida tad-Duluri flimkien mal-bradella u l-bankun.   Fl-istess sena iżżanżnu wkoll il-bradella u l-bankun tal-Vara l-kbira , kif ukoll ir-reffiegħa tal-vara tar-Redentur ħargu l-ispejjeż biex tkun tista’ tigi irrestawrata din il-vara filwaqt li jsir bankun ġdid.   Is-somma li kienet inġabbret biex isir ir-restawr fuq din il-vara kien lahhaq ammont ta’ kważi l-Lm1500.   Sadanittant baqa għaddej ir-restawr fuq il-korp tal- Monument mill-istess Renzo Gauci.   Sena wara fl-1998 ġie deciż li ssir statwa ġdida tal-Veronika, din kienet tlestiet sena wara u tbierket mill-mibki Kappillan Dun Joe Camilleri lejliet Ħadd il-Palm ta’ l-istess sena.  Fis-sena 2000 saret statwa ġdida ta’ Ġesi’ kkomfortat mill-Anġlu fil-Ġnien tal-Ġetsemani, kienu saru wkoll bradella u bankun ġdid għall-istess statwa. F’din is-sena l-2007 tlestew ukoll il-bradelli ul-bankuni tal-vari ż-żgħar li huma tal-Veronika ,tal-Marbut  u ta’ l-Eccehomo , għalhekk dawn se jiżżanżnu għall-ewwel darba din is-sena.

 

                 

           Il-vari tad-Duluri u l-Vara l-Kbira fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira 2006.

   B’hekk bejn is-sena 1996 u s-sena 2007 is-sett tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira ra tibdil ħafna.   Il-vari l-antiki għadhom jinżammu sal-llum il-ġurnata bl-iktar għożża.   Il-vari ta’ l-Eccehomo ,tal- Veronika u kif ukoll ta’ l-Ort , jintużaw bħala parti mill-esibezzjoni tal-ilbies li titella’ f’ Dar Agius minn Grupp ta’ Voluntiera filwaqt li l-istatwa tad-Duluri l-qadima għadha tinżamm esposta f’remissa fi Triq il-Parroċċa matul is-sena kollha. 

             

 

                    Il-vari l-antiki li llum il-ġurnata jintużaw fil-wirja f’Dar Aguis. 

L-iżvilupp kontinwu tal-persunaġġi fil-purċissjoni.

    Maż-żmien minbarra l-vari tal-passjoni bdew jieħdu sehem  diversi persunaġġi li kellhom x’jaqsmu mal-ġrajja tal-passjoni.  Fosthom insibu persunaġġi Bibliċi, żewġ suldati Rumani, persuni ohra jerfgħu l-lanterni , kif ukoll ħafna tfal li kienu jilbsu ż-żimarri filwaqt li jerfgħu xi simboli li għandhom x’jaqsmu mal-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.  Qabel konna nsibu irġiel li jġorru s-slaleb tal-wegħda kif inhuma magħrufin.  Illum dawn is-slaleb għadna nsibuhom imma b’differenza wahda li llum ma jġorrux il-ktajjen ma saqajhom kif kieni jagħmlu qabel il-gwerra minbarra is-salib.  Imma l-iktar żvilupp seħħ dan l-aħħar żmien, sar ħafna ilbies ġdid fosthom insibu l-Banda tar-Rumani li ħadet post minflok l-iscouts li kienu jieħdu posthom quddiem l-istatwa tar-Redentur, suldati Rumani oħra u suldati Lhud.  Sar żvilupp ieħor fl-ilbies tal-persuni Bibliċi fost l-ilbies ġdid insibu l-libsa ta’ San Ġwann l-Battista , ta’ Nikodemu , ta’ Ġużeppi minn Arimatea u ħafna iktar ilbies li kompla zzejjen din il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira.  Ħafna mill-ilbies li naraw fil-purċissjoni ta’ Ħal Luqa huma personali.  Peress li ħafna individwi bdew jagħmlu xi ilbies personali , nhar 1 ta’ April tas-sena 1998 il-kapillan Dun Joe Camilleri waqqaf kumitat ta’ sitt minn nies minn fost dawk li jilbsu l-ilbies personali biex ikun dan irregolat dan l-ilbies u anke biex tinżamm ċertu ordni.

 

 Xi ilbies li kompla żżejjen il- Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’ Hal Luqa.

 

Ir-rotta tal-Purċissjoni u l-Armar li jżejjen il-Pjazez Ewlenin.

    Ir-rotta tal-Purċissjoni sal-1999 ma kintix bħal llum imma kienet differenti.  F’ laqgħa li saret għall-bidu tas-sena 1991 bejn il-Kapillan u numru ta’ voluntieri fosthom rappreżentati tal-Għaqda Rappreżentattiva Lbies Personali, ġie deċiż li l-purċissjoni tibqa’ nieżla tul Triq Sant Andrija kollha, iddur għal Triq il-Ġdida, tgħaddi minn Triq Dun Pawl , iddur għal Triq San Ġorġ , tidħol  fi Triq San Ġużepp u tkompli bħas-soltu.  Minħabba dan it-tibdil fir-rotta tal-purċissjoni inbidel il-ħin tal-purċissjoni u għalhekk ġie deċiż li l-purċissjoni tibda toħroġ fil-5.30pm u tidħol fid-9.30pm. 

    Il-pjazez ewlenin tar-raħal fil-Ġimgħa l-Kbira jiżżejnu wkoll . Fl-1999 bdiet tintrama Pjazza Sant Andrija b’sett ta’ sitt antarjoli li fuqhom jittellgħu bandalori b’simbolu tal- S.P.Q.R , ‘ Senatus Populusque Romanus’, li bil-Malti jfissru s-Senat u l-Poplu Ruman.   Fis-sena 2002 intramaw għall-ewwel darba sett ta’ slaleb li jinxtelgħu bid-dawl fuq pilastri tal-injam fiż-żewġ pjazez ewlenin tar-raħal.  Bejn is-sena 2004 u s-sena 2006 iżżanżnu għall-ewwel darba sett ta’ bandalori  kbar b’simboli tal-Passjoni għal pjazza ewlenija filwaqt li l-bandalori ta’ l-S.P.Q.R bdew  jintramaw f’ Misraħ il-Knisja.

                             

                Il-bandalori li jżejnu l-Pjazez Ewlenin fir-raħal ta’ Ħal Luqa.

     F’ dan l-artiklu rajna kif oriġinat il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira matul is-snin li għaddew sal-llum il-ġurnata.  Rajna ukoll li Ħalluqin kellhom minn dejjem ġibda u mħabba lejn din il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira.   Illum il-ġurnata il-purċissjoni ta’ Ħal Luqa kważi saret mill-aqwa purċissjonijiet li jsiru f’Malta u f’Għawdex kemm fl-organiżżazzjoni kif ukoll fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku inġenerali.  Għalhekk aħna għandna bżonn nrawmu il-ġenerazzjonijiet li telgħin issa biex il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’ Ħal Luqa tibqa’ tikber u tissaħaħ fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku u anke fl-organiżżazzjoni tal-purċissjoni, għax din il-purċissjoni turi wkoll parti mill-istorja ta’ dan ir-raħal, ir-raħal ta’ Ħal Luqa.  Kulħadd qieghed jgħid x’purċissjoni qegħdin jagħmlu il-Ħalluqin, allura biex xieraq ikollna statwa ta’ Kristu Irxoxt li hi żgur il-ħolma ta’ ħafna dilettanti Ħalluqin.  J’ Alla li din il-ħolma issir fil-futur qarib biex b’hekk żgur ikollna festa tal-Ġimgħa l-Kbira kompluta u ma jkollniex għalfejn imorru postijiet ohra biex naraw l-istatwa ta’ l-Irxoxt imma noqgħodu ġewwa raħalna nifirħu u niċċelebraw is-suċċess tal-purċissjoni kif ukoll il-Qawmien ta’ Kristu fuq il-mewt.

 

Biblografija

 

 Kotba :   ‘ Ħal Luqa ,Niesha u Ġrajjietha’ – Dun G.Micallef

                 ‘ Storja Ħalluqija’ – Kan Carmelo Żammit

                 ‘ L-Ġimgħa l-Kbira f’ Ħal Luqa tul iż-żminijiet’ – Sezzjoni Żghażagħ

                    Għaqda Mużikali Sant Andrija Luqa A.D 1883.

 

Sit Elettroniku: www.freewebs.com/knisja_parrokkjali_luqa/

 

Awtur: Andre’ Farruġia   

 

 

Site Requirements:

Flash Player 6.0+ | Internet Explorer 5.0+

Best Viewed:

1152 by 864 pixels

 

 

 

Copyright © 2005-6 L.Y.C.
All rights reserved. Reproduction in whole or in part without permission is prohibited.
Design:
Virtual Designs